DoSEL 4-Day Pass – Covers: 16, 18, 20, 22 April

Ir-Rebħa tal-Ħuta Li Ttir
16, 24, 25, 26 April – 7:30/6:30pm
Teatru Malta + English sirtitles
Ir-Rebħa tal-Ħuta li Ttir ta’ Carmel S. Aquilina se tittella’ għall-ewwel darba fit-Teatru Manoel, għoxrin sena wara li s-skritt ġie sottomess għall-Premju Francis Ebejer fejn kien kiseb it-tieni post. Issa, sitt snin wara l-mewt tal-awtur fl-2020, dan id-dramm provokattiv fl-aħħar wasal fuq il-palk.
Ibbażat fuq kapitlu veru mill-istorja ta’ Malta, id-dramm jirrakkonta r-ribelljoni tal-1807 meta reġiment ta’ merċenarji Griegi fil-Forti Rikażli rribellaw kontra l-awtoritajiet kolonjali Brittaniċi minħabba trattament ħażin u pagi baxxi. Ir-rivolta spiċċat b’mod brutali, b’għadd ta’ ribelli kkundannati għall-mewt u eżegwiti pubblikament.
Fil-qalba tal-istorja hemm Constance, mara żagħżugħa Ingliża li, mal-wasla tagħha f’Malta, tibda tesperjenza kunflitt bejn il-qawwa kolonjali Brittannika u l-ispirtu Mediterranju li qed jippruvaw jikkontrollaw. Id-dramm jgħaqqad l-istorja mal-immaġinazzjoni biex jesplora temi ta’ poter, identità u s-sagrifiċċji li jitlob il-bidla.

Tekst Telesa (Text of the Body)
18 April – 7:30pm
Theatre Kranj + English sirtitles
Text of the Body ta’ Anja Novak huwa dramm kontemporanju li jesplora kif il-ġisem iġorr fih il-marki ta’ istorja personali u soċjali.
Ir-rebbieħ tal-Grum Prize for Best Dramatic Text at the 2023 Slovenian Drama Week, id-dramm ipoġġi lill-ġisem uman fiċ-ċentru tal-istorja. Permezz ta’ mard, sintomi u esperjenzi fiżiċi, il-ġisem isir mezz li jikxef id-dinja ta’ madwaru u r-relazzjonijiet li jiffurmawh.
Ix-xogħol isegwi tliet ġenerazzjonijiet ta’ nisa: nanna li tiffaċċja mistoqsijiet dwar dawk l-affarijiet li jagħtu pjaċir lin-nisa u l-aspettattivi tas-soċjetà, omm li qed tgħix f’sitwazzjoni ta’ abbuż sesswali, u tifla li tbati minn anoreksja. L-istejjer tagħhom juru kif il-pressjonijiet tas-soċjetà, l-irwoli tal-ġeneru u r-relazzjonijiet ta’ poter iħallu marki profondi fuq il-ġisem.
Text of the Body jesplora l-idea li l-mard jista’ jkun ir-rispons tal-ġisem għal ambjent marid billi jgħaqqad in-narrazzjoni ma’ esperimentazzjoni teatrali. Id-dramm jistieden lill-udjenza tisma’ b’attenzjoni, u jfakkarna li meta s-skiet jipprevali, il-ġisem eventwalment jitkellem waħdu.

Always Be Like a Dragon
20 April – 7:30pm
Croatian National Theatre + English sirtitles
Always Be Like a Dragon tad-drammaturgu rebbieħ ta’ diversi premjijiet Espi Tomičić huwa dramm intimu u b’saħtu li jivvjaġġa bejn il-memorja, l-immaġinazzjoni u r-realtà.
Id-dramm isegwi lil Petar, raġel trans li jinsab fit-terapija, hekk kif jerġa’ jżur frammenti mit-tfulija tiegħu. Permezz ta’ konversazzjonijiet mat-terapista tiegħu u kor ta’ vuċijiet mill-passat u mill-preżent, Petar jibda jibni mill-ġdid il-memorji ta’ mument kruċjali f’ħajtu, meta kien għadu bl-identità Matea. Dawn il-memorji ma jiżvolġux b’mod lineari, iżda f’saffi li fihom ir-realiżmu dokumentarju jitħallat ma’ riflessjoni poetika.
Fil-qalba tal-istorja hemm appartament abbandunat fejn Matea, ommha Jana u ħutha jsibu kenn mill-faqar u mill-possibbiltà li jispiċċaw bla dar. F’dan l-ispazju fraġli, it-tfal jibdew logħba tal-gwerra u jittrasformaw l-appartament f’bażi militari. Imma taħt il-logħba jibdew jitfaċċaw tensjonijiet aktar profondi. It-tfal jiffaċċjaw mistoqsijiet dwar l-identità, ir-relazzjonijiet familjari, l-insigurtà soċjali u trawmi li ma jistgħux jissemmew, iżda jibqgħu mnaqqxa fil-ġisem.
Bejn dramm u proċess terapewtiku, Always Be Like a Dragon jistieden lill-udjenza għal vjaġġ teatrali bejn il-biża’, il-memorja u r-reżiljenza. Il-produzzjoni hija esplorazzjoni emozzjonali tat-tfulija, tas-sopravivenza u tal-qawwa tal-immaġinazzjoni quddiem veritajiet diffiċli.

MEDIUM
22 April – 7:30pm
Estonian National Agency + English sirtitles
MEDIUM hija l-iktar produzzjoni riċenti solo tal-koreografu u artist Mart Kangro, li tesplora r-relazzjoni kumplessa bejn il-ġisem, il-midja u l-fluss kontinwu ta’ informazzjoni li jiffurmaw parti kbira minn ħajjitna.
Il-produzzjoni tkompli minn fejn ħalla x-xogħol preċedenti tiegħu, Pantheon, iżda din id-darba il-ġisem ta’ Kangro jitqiegħed fiċ-ċentru tal-pajsaġġ medjatiku tal-lum. Madwaru hemm kurrent kontinwu ta’ aħbarijiet, stampi u messaġġi, u minn dan kollu toħroġ mistoqsija sempliċi iżda inquietanti: kemm minn dak li aħna, huwa ffurmat minn dak li nikkunsmaw?
Permezz ta’ moviment frammentat, kitba u riflessjoni, MEDIUM jibni narrattiva mhux mistennija dwar il-kundizzjoni moderna. Hekk kif ir-realtà u l-immaġinazzjoni jitħalltu, Kangro jesplora l-linja rqiqa bejn id-dinja fiżika u dik immaġinarja, u jistaqsi x’inhu veru? Min qed jifforma l-istejjer li qed nħallu jinfluwenzawna?
Bi ħlewwa u b’tonumoristiku u riflessiv, MEDIUM jesplora l-kunflitt modern tal-bniedem f’era ta’ bumbardament ta’ informazzjoni, li, fil-verità, ma nistgħux ngħixu mingħajrha.