It-Teatru Manoel qegħdin jippreżentaw produzzjoni tagħhom stess “MEDEA” ta’ Ewripide b’verżjoni ta’ Ben Power diretta minn Bettina Paris, bis-sehem ta’ Becky Camilleri fl-irwol prinċipali, Nathan Brimmer bħala Jason u Mikhail Basmadjian bħala Kreon.
Medea, l-aktar eroina Griega li hija traġika u disturbanti, inħolqot minn Ewripide kważi 2,500 sena ilu. Hija ta’ spiss mpinġija bħala xitan mara, manipulatriċi u qattiela, salvaġġa kemm bl-imħabba kif ukoll bir-rabja. F’din il-produzzjoni, se nsibuha bħala mara ddisprata biex tieħu lura l-kontroll ta’ ħajjitha, traduta minn raġel li ħabbet ħafna imma li għażel li jibda ħajja ġdida ma’ mara oħra. Medea waslet fit-tarf permezz tal-imġiba tiegħu u tas-soċjetà li għexet fiha. Din il-verżjoni kontemporanja tal-iskript tesplora kull karatteristika ta’ persunaġġ magħrufa għall-qtil ta’ wliedha. Medea mhijiex miġnuna, imma intelliġenti, appassjonata, mkissra, taf’ tħobb u bla waqfien. L-istorja traġika hija kemm tagħha u kemm tal-komunità. Din hija ġrajja fuq l-imħabba, it-tradiment, u l-pressjoni li jitfgħu l-aspettattivi tas-soċjetà.
F’din il-prestazzjoni l-moviment huwa evidenti ħafna, fejn dan joħroġ ’l barra l-kumplessitajiet tal-karattru, iżid mad-dettall tax-xogħol u tan-narrattiva u joħodna mal-liwja emotiva tal-kotra. Din il-Medea tippreżentalna dinja familjari, fejn naraw lilna nfusna u l-komunità tagħna permezz ta’ dan ix-xogħol. Il-ġrajja ta’ Medea tiddi bħala waħda li mhux daqshekk imbiegħda mill-ġrajja tagħna.