Il-Karattru ta’ Ċetta ħa l-ħajja mill-kanzunetta ‘Ċetta from Valletta’ ta’ Paul Arnaud, li kienet u għadha popolari sal-ġurnata tal-lum. Permezz ta’ dan il-musical ġdid u oriġinali, Ċetta ngħatat il-ħajja fejn se nsiru nafu l-passat u l-preżent tagħha, flimkien ukoll ma’ karattri oħra li se jsawru dan il-musical ġdid. Ninsabu fil-bidu tas-snin ħamsin fejn se niltaqgħu ma’ Ċetta, tfajla grazzjuza u ferriħija li ġiet imrobbija b’tant għożża miz-zijiet tagħha, iz-zija Carmen u z-ziju Duminku. Carmen u Duminku jgħixu l-Belt fil-parti tal-Mandraġġ. Dawn baqgħu ma żżewġux sabiex irabbu u jieħdu ħsieb lil Ċetta. Il-karattru ferrieħi tagħha jimla kull rokna tal-Mandraġġ u tista’ tgħid li tagħmel ħbieb malajr u ma’ kulħadd, minn baħrin sa ġirien. Fost tant ħbieb insibu l-ħabiba tal-qalb tagħha, Rita. Kemm Ċetta kif ukoll Rita jinnamraw ma’ żewġ ġuvintur mill-Belt, Ċensu u Pawlu. Dawn it-tnejn, flimkien ma’ Rita jaħdmu Café Premier fi Pjazza Reġina. Ċetta minn naħa l-oħra hija kantanta u se naraw kif il-ħolma tagħha, li minn kantanta fi Strada Stretta tiġi mistiedna sabiex tibda tkanta l-Premier, issir realtà. Minn hawn se tibda avventura ġdida kemm għaliha u kemm għal dawk ta’ madwarha. Se niltaqgħu man-Nutar Antonio u l-qaddej tiegħu Ugolin. Dawn huma ħbieb man-Nobbli Baruni Carlo u l-familja tiegħu li jgħixu Tas-Sliema. Se niltaqgħu ukoll ma’ karattri kemmxejn magħrufa imma li tajnihom libsa ġdida addatta għal dan il-musical u b’hekk jissawru f’din l-istorja mal- umplament tal-karattri l-oħra. Min ma jiftakarx il-frażi tant magħrufa ‘Penny for the pigeons’, u lill-famuż Oscar Lucas u l-band tiegħu? Għalhekk, mill-Mandraġġ għal Tas-Sliema naraw fejn se twassal il-ħolma u x-xewqa ġewwiena ta’ Ċettina jew aħjar kif inhi magħrufa Ċetta, Ċetta from Valletta!