Dramm umoristiku ta’ Trevor Żahra fi 3 atti bbażat fuq ir-rumanz umoristiku li jġib l-istess isem, minsuġ madwar surmast eċċentriku u ferrieħi fi skola primarja pubblika. Adattament għall-palk ta’ dan ir-rumanz ittella’ fit-Teatru Manoel tletin sena ilu fl-1994.
Fl-2020, Trevor Żahra, magħruf sew bħala l-aktar awtur prolifiku ta’ Malta, ingħata l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, il-Premju Għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura. Il-Premju jagħti ġieħ lil karriera twila ta’ kontribuzzjonijiet importanti għal-letteratura lokali ta’ Żahra, li ppubblika aktar minn 130 ktieb għat-tfal, l-adolexxenti u l-kbar. Żahra huwa l-aktar awtur li rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għal aktar drabi. Huwa rċieva il-Premju għal-dsatax-il darba bħala awtur u darba bħala illustratur.
Din il-produzzjoni hija diretta minn Joe Galea bis-sehem ta’ Charles fil-parti ewlenija.